Is-sottokumitat għat-Tisħiħ ta’ Fondi

Id-dħul prinċipali tal-Għaqda tal-Malti hu mit-tesseri; mhux biss tal-imsieħba l-ġodda iżda wkoll ta’ dawk li jġeddu s-sħubija tagħhom. Madankollu, biex l-Għaqda tkompli torganizza l-attivitajiet għandha bżonn dħul ieħor. Is-sottokumitat għat-tisħiħ ta’ fondi twaqqaf b’dan l-iskop. L-għanijiet tiegħu huma li jgħin fl-ippjanar u l-organizzazzjoni tal-attivitajiet, kemm kulturali kif ukoll soċjali b’mod sostenibbli jew bi qligħ li jkun jista’ jiġi investit sabiex itejjeb il-qagħda tal-Malti f’oqsma differenti. Huwa wkoll il-moħħ wara xi attivitajiet li jgħaqqdu l-membri dejjem aktar flimkien, ħaġa li ssir mhux biss b’attivitajiet tal-Malti iżda li l-għodda ewlenija tagħha hija l-Malti.

Is-sottokumitat huwa magħmul minn Emanuel Psaila, Alvin Vassallo (kordinatur tas-sottokumitat), Clifford Jo Żahra, Dorianne Bonello, John George Farrugia, Francesco Bonello, Katya Micallef u Josef Borg.

stillatiddi.stilla; waħda mill-attivitajiet li ta s-sehem tiegħu fiha s-sottokumitat għat-tisħiħ tal-fondi

Is-Sottokumitat ‘It-Teżi Tiegħi’

Is-sottokumitat It-Teżi Tiegħi twaqqaf bil-għan li jippubblika materjal minn teżijiet ta’ livell għoli għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel nett sabiex riċerkaturi tal-Malti jkollhom aċċess għal studji tajbin onlajn; it-tieni sabiex studenti li jkunu laħqu l-livell mixtieq jingħataw l-okkażjoni li jippubblikaw taħt il-kappa tal-Għaqda.
It-teżijiet se jingħażlu mill-bord innifsu, li jinkludi kemm akkademiċi minn oqsma differenti, kif ukoll gradwati fil-Malti. Għalkemm għadu kmieni wisq sabiex inħabbru l-format li fuqu se nkunu qed inħaddmu din l-iskema, hemm il-ħsieb li minbarra pubblikazzjoni onlajn, ikun hemm ukoll pubblikazzjoni stampata darba fis-sena u seminar li jservi ta’ tnedija.
Permezz ta’ dan is-sottokumitat, l-Għaqda tkompli tfittex li tilħaq l-għanijiet tagħha, jiġifieri billi tagħti l-appoġġ tagħha lil studjużi tal-Malti, kemm tal-lingwa kif ukoll tal-letteratura, u li tkompli żżid mal-ħażna ta’ materjal bil-Malti li jinsab onlajn.
Il-membri ta’ dan is-sottokumitat huma Emanuel Psaila, Prof. Rena Balzan, Dr Adrian Grima, Dr Michael Spagnol, Alvin Vassallo, Carlston Grima, Andre P. Debattista u Leanne Ellul. Dan is-sottokumitat qed jitmexxa minn Kit Azzopardi.
teżi
Nhar is-16 t’Ottubru 2012, fil-ġimgħa ddedikata lill-Arti, saret it-taħdita bl-isem ‘It-Teżi Tiegħi’ li kienet ikkordinata bejn id-Dipartiment tal-Malti, l-Għaqda tal-Malti – Università u l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Arti (ASA), bil-għajnuna ta’ Doriana Vella.

Is-Sottokumitat tal-Istatut

Dan is-Sottokumitat hu inkarigat mir-reviżjoni tal-istatut, ħidma li minn żmien għal żmien tinħass il-ħtieġa tagħha f’kull għaqda. L-għan ewlieni tas-Sottokumitat huwa li jaġġorna dawk l-artikli tal-istatut li fil-forma preżenti tagħhom ma jirriflettux għalkollox il-firxa wiesgħa ta’ attivitajiet u proġetti li qiegħda tidħol għalihom l-Għaqda. Għan ieħor huwa ż-żieda ta’ klawsoli li jirriflettu t-tkabbir fl-aspetti amministrattivi tal-Għaqda, kif ukoll it-twessigħ tar-relazzjonijiet tagħha mal-korp studendesk, mal-awtoritajiet Universitarji, u ma’ għaqdiet u entitajiet oħra ‘l hinn mill-Università. Is-Sottokumitat huwa impenjat biex kemm jista’ jkun iħalli l-istatut fidil lejn il-karattru tradizzjonali tal-Għaqda, filwaqt li jżid emendi u klawsoli li jkopru mezzi ġodda ta’ produzzjoni, preżentazzjoni, u pubblikazzjoni bil-Malti. B’hekk se jkollna statut li jkun mexa maż-żmien mingħajr ma naqqas xejn mill-prestiġju u mill-patrimonju kulturali tal-Għaqda tal-Malti – Università.

Il-membri ta’ dan is-sottokumitat huma Emanuel Psaila, Kit Azzopardi, Dr Josette Attard, Chris Vella, Alvin Vassallo u Sergio Grech. Dan is-sottokumitat qed jitmexxa minn Dr Bernard Micallef.

1931

L-istatut tas-sena tat-twaqqif tal-Għaqda (1931) imfassal minn Mons. Pietru Pawl Saydon

Il-Kelma tal-President

leli

Kemm ilek tmexxi l-Għaqda tal-Malti – Università?

Ilni l-President għal din l-aħħar sena f’kumitat ad interim, li twaqqaf biex jerġa’ jagħti l-ħajja lil din l-għaqda wara erba’ snin sħaħ inattiva. Fil-fatt bħalissa bdew il-preparamenti biex issir elezzjoni ħalli jinħatar kumitat eżekuttiv ġdid u jkompli fejn ħalla dan il-kumitat u terġa’ tinbeda l-proċedura normali ta’ kumitat eżekuttiv kull sentejn. Il-Laqgħa Ġenerali tal-Għaqda tal-Malti – Università ad interim ser issir nhar is-Sibt 22 ta’ Ġunju 2013, fid-08.45, f’Dar l-Ewropa, 254, Triq San Pawl, il-Belt Valletta.  (Ara l-avviż u l-formola mehmużin.)

Kif tara l-Għaqda tal-Malti – Università llum?

Illum l-Għaqda tal-Malti – Università hija ħajja u attiva u għalkemm tgħodd 82 sena hija żagħżugħa u friska. Din is-sena kienet importanti ħafna għaliha għax reġgħet ħadet il-ħajja u mhux biss, imma laħqet il-miri li daħal għalihom dan il-kumitat u iktar. Hemm ħeġġa straordinarja mis-settur taż-żgħażagħ li bl-enerġija tagħhom ma jiqfux jaħdmu b’risq din l-Għaqda u dejjem joħorġu b’ideat ġodda u innovattivi.

X’inhuma l-attivitajiet tal-Għaqda?

Huma bosta u varji. Hemm serati kommemorattivi kif ukoll oħrajn ta’ natura differenti bħal intervisti ma’ kittieba kontemporanji, programmi ta’ taħriġ maż-żgħażagħ bħal Taħżiż b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ u l-Fondazzjoni AWL, u Inħarrfu l-Ħrejjef mas-Sależjani, xogħol volontarju, kif ukoll serati ta’ qari mill-membri. F’sena saru ħafna attivitajiet bħall-kommemorazzjoni f’għeluq il-50 sena mill-mewt ta’ Anastasju Cuschieri, Marzu ta’ Qalbi f’għeluq il-mitt sena mit-twelid ta’ Karmenu Vassallo, u Fil-Ħolma tal-Poeta, f’għeluq il-50 sena mill-mewt tal-fundatur tal-Għaqda, Rużar Briffa. Saret intervista mal-Professur John Portelli li kien segretarju tal-Għaqda u jgħallem fl-Università ta’ Toronto. Fit-13 ta’ Diċembru morna ngħinu lis-sorijiet tal-Little Sisters of the Poor u f’attività lejn il-Milied L-Għaqda għall-Istrina nġabru l-flus għall-Community Chest Fund. Fil-kampus ukoll saru attivitajiet kbar bħal ġimgħa sħiħa waqt il-Fresher’s Week, l-Arts Week u l-Organization Day. Dawn kienu importanti ħafna għax konna viċin iż-żgħażagħ. Diġà semmejt il-proġetti Taħżiż Inħarrfu l-Ħrejjef li huma organizzati tajjeb ħafna u fihom il-parteċipanti jagħmlu sessjonijiet ta’ taħriġ fil-kitba tal-letteratura u jkollhom iċ-ċans bejniethom jaqsmu ħsushom ma’ nies kompetenti fis-suġġett. Inbdiet ukoll is-sensiela FilMalti fejn nuru film bi produzzjoni Maltija segwit minn diskussjoni dwar l-istess film. S’issa ntwerew il-film Kont Diġà ta’ Mark Dingli u Perli u Trijanglu ta’ Karl Schembri. Barra minn hekk ħadna sehem bosta drabi fi programmi tar-radju u t-televiżjoni bħal VO’sNitfa KulturaliSfera u Is-Seħer Malti. Dan minbarra li l-Għaqda ssemmiet fir-rivista Il-Pont u fil-fuljett tal-Grupp Letteratura Maltija li joħroġ fl-Awstralja.  Saret ukoll laqgħa uffiċjali mal-President ta’ Malta u fiha preżentajnielu sett kotba antiki ta’ Leħen il-Malti. Inħatar bord editorjali biex ir-rivista Leħen il-Malti terġa’ tibda toħroġ u wara xogħol kbir issa r-rivista qiegħda għand l-istampatur u t-tnedija tagħha titħabbar fil-ġimgħat li ġejjin. L-istqarrijiet tal-Għaqda dehru f’ġurnali ewlenin u qed nagħmlu mezz biex inżommu ruħna aġġornati maż-żminijiet u għalhekk għandna sit elettroniku kif ukoll tista’ ssibna fuq Facebook u Twitter. Iċ-ċirkularijiet qed joħorġu b’mod kurrenti u f’sena waħda ħriġna sitta u li huma ċirkularijiet b’differenza għax iktar qishom fuljett li tieħu gost taqrah.

Kemm għandha membri l-Għaqda?

Bħalissa l-Għaqda għandha 245 membru. Tajjeb ngħidu li erba’ snin ilu l-Għaqda kellha 172 membru u bejn dawk li mietu u dawk li ma weġbux lura, reġgħu ħallsu l-miżata 72. Għalhekk l-Għaqda f’sena waħda daħħlet magħha 173 membru ġdid, jiġifieri ssieħbu membri daqskemm kien hemm fil-lista oriġinali, b’medja ta’ ħmistax-il persuna fix-xahar. Il-qawwa tas-sħubija kienet il-Fresher’s Week li għenet ħafna biex l-Għaqda tkun qrib l-istudenti u dan kien possibbli bid-dedikazzjoni tal-membri tal-kumitat, ta’ oħrajn li għandhom għal qalbhom l-Għaqda, ta’ kittieba Maltin u tal-isponsors.

X’tixtieq twettaq u tara jseħħ fl-Għaqda?

Nixtieq li dak li bdejna sena ilu jitkompla. Nixtieq li jkollna l-uffiċċju tagħna. Nixtieq li jibqgħu jsiru s-serati kommemorattivi u l-programmi ta’ taħriġ. Nixtieq li l-membri li daħlu jibqgħu, kif ukoll jidħlu membri ġodda. Nixtieq li jibqa’ jirrenja l-istess, jew iktar, entużjażmu żagħżugħ u naħseb li hekk ser ikun għax il-kandidati kollha għall-elezzjoni huma kollha żgħażagħ. Nixtieq nara Leħen il-Malti ppubblikat u strateġija biex jitkompla kif ukoll pubblikazzjonijiet oħra. Nixtieq li ma nibqgħux niddependu biss mill-miżati imma l-Għaqda ssaħħaħ il-qagħda tagħha finanzjarjament permezz ta’ xi benefiċċji minn entitajiet oħra kif ukoll minn attivitajiet li jistgħu jħallu xi ftit tal-fund raising.

Kemm u għaliex huma relevanti għaqdiet ta’ din ix-xorta llum?

Huma relevanti ħafna. Is-serati kommemorattivi jservu biex persuni li ħadmu favur l-ilsien Malti u fil-qasam letterarju jiġu rikonoxxuti u xogħolhom jibqa’ jidwi. Ix-xogħol volontarju jagħti messaġġ ta’ solidarjetà. Il-programmi ta’ taħriġ jgħinu fl-iżvilupp tal-kreattività. Dawn it-tip ta’ għaqdiet għandna bżonnhom biex ikomplu jikkultivaw dak li ksibna kif ukoll jaħdmu biex itejbu fuq dak li hemm u jkomplu jfittxu inizjattivi ġodda. Eżempju l-programmi Taħżiż u Inħarrfu l-Ħrejjef huma novità għal dan il-pajjiż u hemm bżonn ħafna iktar programmi ta’ dan it-tip u dan jista’ jkun possibbli biss minn għaqdiet bħal dawn li l-membri tagħhom jiddedikaw ħinhom b’mod volontarju biex ikabbru l-ilsien, il-letteratura u l-kultura Maltija.

Hemm xi ħsieb jew mezz kif l-għaqda tibda ssemma’ leħinha fl-iskejjel sekondarji/MCAST eċċ. minbarra l-Università?

Diġà teżisti l-istruttura biex dawn l-istudenti jkunu membri sostenituri, imma apparti li jrid jiġi emendat l-istatut biex jilħaq iktar studenti li jinteressaw irwieħhom fil-lingwa Maltija, trid issir iktar ħidma biex dawn l-istudenti jiġu milħuqa. Hija x-xewqa tiegħi li l-Għaqda tifrex iżjed f’dawn is-setturi billi ttella’ xi attivitajiet jew tagħmel xi laqgħat ta’ informazzjoni biex dawn l-istudenti jkollhom iktar għarfien dwar din l-Għaqda tal-Malti – Università li ilha teżisti 82 sena u ġiet iffurmata minn żewġ studenti tal-mediċina, Rużar Briffa u Ġużè Bonnici.

L-informazzjoni kollha tistgħu ssibuha hawn: ghaqdatalmalti.webnode.com  jew fuq f/b www.facebook.com/ghaqdatalmalti.  L-indirizz elettroniku huwa dan ghaqdatalmalti@gmail.com.

Għandek issib xi powsters li ħarġet l-Għaqda kif ukoll xi ċirkularijiet.

Intervista li dehret fil-gazzetta ‘It-Torċa’ nhar il-Ħadd, 23 ta’ Ġunju 2013.

żewġ paġni ġodda għall-fundaturi

L-Għaqda għadha kemm nediet żewġ paġni ġodda ddedikati liż-żewġ fundaturi tagħha; waħda lil Rużar Briffa u oħra lil Ġużè Bonnici. Inħeġġukom sabiex tagħfsu lajk u ssegwu dawn il-paġni li se nkunu qed naġġornaw minn żmien għal żmien.

Screen Shot 2013-08-01 at 22.30.25

Il-paġna ddedikata lil Ġużè Bonnici.

Screen Shot 2013-08-01 at 22.29.01

Il-paġna ddedikata lil Rużar Briffa.

tiddi.stilla

Għadd ikbar mis-soltu ta’ Persejdi, kwiekeb feġġejja jew shooting stars, jimlew is-sema tal-gżejjer Maltin għall-ħabta tal-10 t’Awwissu ta’ kull sena u dan il-fenomenu jissejjaħ id-Dmugħ ta’ San Lawrenz peress li meta dan jiġri jkun qrib tal-festa tal-qaddis. Skont it-tradizzjoni, wieħed għandu jagħmel xewqa waqt li jkun għaddej dan l-ispettaklu fis-sema u din issir realtà. F’diversi partijiet madwar Malta, Maltin u turisti saru jinġabru biex għal ftit sigħat jaraw il-faxxi tad-dawl jixegħlu s-sema.

Għalhekk nhar l-10 t’Awwissu se niltaqgħu l-bajja tal-Qawra (ħdejn l-Amazonia) sabiex inqattgħu lejla flimkien. Xejn formali. Anzi ejjew bi ħwejjeġ komdi.

F’din is-serata, bl-isem ta’ ‘tiddi.stilla’ se jkun hemm daqq ta’ strumenti minn John Paul Mifsud u mużiċisti oħra. Dakinhar mhux talli se jiddu l-istilel iżda talli se niddistillaw il-kitba filwaqt li nbillu ġriżmejna.

Kull min jattendi huwa mħeġġeġ iġib miegħu poeżiji, novelli jew kitba qsajra oħra (mhux itwal minn 6 minuti) sabiex jaqrahom. Min irid jista’ jġib fejn iħażżeż… ispirazzjoni ssibu żgur. Dawk li ma jiktbux jistgħu jiġu u jisimgħu. Din l-attività hi miftuħa għal kulħadd. Segwu l-attività fuq Facebook hawnhekk.

Titilfuhiex. Niltaqgħu dakinhar!

tiddi.stilla

dr micallef

Ma jkunx hemm laqgħa li jfalliha. Jaħdem qatigħ u dak li jagħmel jagħmlu sew. Mudell għal ħafna u minnu nitgħallmu bil-bosta. Dan hu l-Kap tad-Dipartiment, Dr Bernard Micallef.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

baħar jew kampanja
: baħar

sepja jew ikkulurit: sepja

sajf jew xitwa: sajf

Kinnie jew Koka: Kinnie

tikteb jew tittajpja: nittajpja

ġewwa jew barra: barra

pastizzi jew berger: pastizzi

filgħodu jew filgħaxija: filgħaxija

l-Indja jew il-Kanada: l-Indja

tal-linja jew karozza privata: karozza privata (għalkemm nuża tal-linja sikwit)

Minbarra l-Għaqda jien lettur, kritiku, kittieb ta’ xogħlijet kreattivi, kap tad-Dipartiment tal-Malti, u nħobb nagħti sehem/nattendi f’konferenzi fuq il-letteratura, il-kultura, u l-istorja.

Kieku kelli nagħżel suġġett ieħor kont nagħżel l-Istorja.

Jafuni l-aktar bħala għalliem, u l-kollegi jsejħuli b’taqsira ta’ ismi (Ben).

Il-qawl li jibda “Wara l-maltemp” inkomplih “tagħraf min int.”

Fi żmien sentejn nixtieq nara kordinazzjoni akbar bejn entitajiet tal-Malti, u kollaborazzjoni aktar qawwija bejn individwi b’talent (kitba, qari, studju, pubblikazzjoni, xandir) fil-Malti.

kit

Jinsisti li jiktbulu ismu Kit mhux Keith. U li Kit tinqara bħal mit (mhux a la Ingliża). Il-Viċi President u ma jistax ikun iktar għal qalbu għax qed jagħmel dak li jħobb ma’ nies li rċieva ħafna mingħandhom jew li jħoss li għandu x’jagħtihom. M’hawnx bħalu, u kieku kien hawn… aktarx li ismu ma kienx jiktbu Kit.

kit

  • baħar jew kampanja: kampanja
  • sepja jew ikkulurit: ikkulurit
  • sajf jew xitwa: sajf
  • Kinnie jew Koka: Kinnie. Bla dubju.
  • tittajpja jew tikteb: nittajpja
  • ġewwa jew barra:  barra bid-daqq 🙂
  • pastizzi jew berger: berger… il-pastizzi darba fill…
  • filgħodu jew filgħaxija: billejl
  • l-Indja jew il-Kanada: l-Indja
  • tal-linja jew karozza privata: karozza biex nasal, tal-linja biex naqra…

Minbarra l-Għaqda, jien attiv ukoll fil-parroċċa.

Kieku kelli nagħżel suġġett ieħor, kont nistudja l-Arkeoloġija jew l-Arti.

Jafuni l-aktar bħala dak li jikteb ismu Kit flok Keith.

Il-qawl li jibda “Wara l-maltemp” inkomplih “tpaxxa bir-riħa tax-xita u tal-ħamrija.”

Fi żmien sentejn nitlob biss li nkun kuntent.

clifford

Clifford jokkupa l-kariga ta’ Assistent Teżorier imma dejjem jieħu ħsieb idaħħaqna tnejn u jinseġ xi żewġ versi kif jaf hu. Dan hu Clifford li qatt ma kontu tafu bħalu qabel…

cliff

  • baħar jew kampanja: kampanja
  • sepja jew ikkulurit: ikkulurit
  • sajf jew xitwa: sajf
  • 
Kinnie jew Koka: Kinnie
  • tittajpja jew tikteb: nikteb
  • ġewwa jew barra: ġewwa
  • pastizzi jew berger: pastizzi
  • filgħodu jew filgħaxija: filgħodu
  • l-Indja jew il-Kanada: l-Indja
  • tal-linja jew karozza privata:  karozza privata

Minbarra l-Għaqda, nipprova ninteressa ruħi f’kollox.

Kieku kelli nagħżel suġġett ieħor, kont nistudja l-Ġografija jew l-Istudji Teatrali.

Jafuni l-aktar bħala Cliff  u tal-Malti.

Il-qawl li jibda “Wara l-maltemp” inkomplih “jibbnazza għal ftit.. u jerġa’.”

Fi żmien sentejn se nkun tajt ħilti kollha għall-Għaqda, anke jekk qatt mhu biżżejjed.

carlston

L-idea ta’ għaqda mhix aljena għalih għax involut sew fis-Soċjetà Filarmonika Banda San Pio X. Iħobb il-Malti daqskemm iħobb in-nar… għalhekk qed jaħdem fuq teżi li tiġborhom it-tnejn flimkien. Dan hu ftit aktar tagħrif dwar Carlston…

carls

  • baħar jew kampanja:
 kampanja
  • sepja jew ikkulurit: ikkulurit
  • sajf jew xitwa: sajf
  • 
Kinnie jew Koka: Koka
  • tikteb jew tittajpja: nikteb
  • ġewwa jew barra: barra
  • pastizzi jew berger: pastizzi
  • filgħodu jew filgħaxija: filgħaxija
  • l-Indja jew il-Kanada: il-Kanada
  • tal-linja jew karozza privata: karozza privata

Minbarra l-Għaqda, jien Assistent Kaxxier fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Banda San Pio X ta’ Ħal Lija.

Kieku kelli nagħżel suġġett ieħor, kont nistudja l-Franċiż.

Jafuni l-aktar bħala l-bniedem li dejjem jitbissem.

Il-qawl li jibda “Wara l-maltemp” inkomplih “lesti ruħek għal ieħor.”

Fi żmien sentejn nixtieq li nkun qed ngħallem il-lingwa Maltija fi grad ogħla.