filMalti

Tiftakruha s-sensiela filMalti? Din l-inizjattiva dalwaqt se titkompla… imma sewwasew kif bdiet?

Għall-ħabta ta’ Frar ta’ din is-sena, Kit kien qal lil Leanne b’din l-idea; u l-idea ngħoġbot u f’kemm ili ngħidlek inġbarna l-Università sabiex insegwu l-ewwel filMalti. L-isem għal din is-sensiela ta’ films, li oriġinarjament kienet ‘filMalti llejla’ ħareġ bih Dr Michael Spagnol. Isem sabiħ hux tassew?

L-ewwel film li wrejna kien ‘Kont Diġà‘; film b’direzzjoni ta’ Mark Dingli u b’kitba ta’ Mark Dingli u Sascha Sammut. Dan il-film kien intlaqa’ tajjeb ħafna tant li attendew ‘il fuq minn 40 persuna.

Iżda din il-biċċa tal-films ma waqfitx hemm. Huwa sabiħ li naraw films bil-Malti, b’sottotitli bil-Malti jew siekta imma huwa sabiħ ukoll li niddiskuthom. Kien għalhekk illi ltqajna wara l-ewwel film sabiex niddiskutu aspetti differenti tiegħu; minn xenografija għall-għażla tal-atturi u fuq kollox, il-fatt li dan il-film hu mnebbaħ mill-poeżija “Delimara” ta’ Daniel Massa.

filmalti1
Xahar wara, kellna t-tieni filMalti; din id-darba, rajna żewġ films qosra ta’ Karl Schembri bl-isem ta’ ‘Perli’ u ‘Trianglu’.  U xi jiem wara dawn il-films iltqajna sabiex bejn kafè  u ieħor niddiskutuhom ukoll!

filmalti2

Imbagħad, fid-29 ta’ Lulju, intwera l-film ‘Fight Club‘ bħala parti mill-Iljieli fuq il-Kampus 2013. Dakinhar l-Għaqda ħadet ħsieb torganizza diskussjoni dwar dan il-film li għalih Simon Cassar għamel is-sottotitli bil-Malti. Id-diskussjoni li qajmet interess kbir tmexxiet mill-Professur Charles Briffa.

Issa li l-Għaqda  qabdet ritmu bħal qatt qabel; is-sensiela filMalti se tkompli bi tliet filmini ta’ Alex Vella Gera waqt Freshers’ Week 2013. Din id-darba d-diskussjoni dwar il-filmini, li se titmexxa minn Noel Tanti, se ssir appena jispiċċaw biex hekk ikunu għadhom friski f’moħħ kulħadd.

Dwar dawn il-films li se naraw Noel Tanti kiteb hekk:

Waħda mit-temi l-iktar b’saħħithom fix-xogħlijiet t’Alex Vella Gera hija dik tal-vjaġġatur. Il-bniedem li qatt m’għandu kwiet, dejjem ifittex, dejjem jiskopri, qatt mhu sodisfatt, qatt ma jasal. Din l-inkwetudni f’ruħ il-karattri tispikka wkoll fil-filmati ta’ Vella Gera. F'”Minsi” hemm karattru li qed jipprova jinnegozja spazju spettrali, ifittex mingħajr ma jaf xiex, forsi lanqas biss jaf li qiegħed fuq vjaġġ. “BXL 2008” jixtarr emigrant li telaq minn pajjiżu però ħalla biċċa sew minn ruħu warajh. U “Il-Qalziet tan-Nannu” hija ġrajja li x’aktarx hija gidba; gidba li ma teskludix il-mixja lejn u l-eżistenza tal-verità.

filmalti3

U għall-futur? Diġà għandna xi films ippjanati… kollha taħt l-istess kappa ta’ filMalti, kollha rriklamati b’dan il-powster uffiċjali.

Narawkom dalwaqt għall-filMalti li jmiss… u tinsewx tmexxu l-kelma!

Is-sensiela filMalti qed jikkordinaha Carlston Grima.

Leave a comment