Search results for carlston

carlston

L-idea ta’ għaqda mhix aljena għalih għax involut sew fis-Soċjetà Filarmonika Banda San Pio X. Iħobb il-Malti daqskemm iħobb in-nar… għalhekk qed jaħdem fuq teżi li tiġborhom it-tnejn flimkien. Dan hu ftit aktar tagħrif dwar Carlston…

carls

  • baħar jew kampanja:
 kampanja
  • sepja jew ikkulurit: ikkulurit
  • sajf jew xitwa: sajf
  • 
Kinnie jew Koka: Koka
  • tikteb jew tittajpja: nikteb
  • ġewwa jew barra: barra
  • pastizzi jew berger: pastizzi
  • filgħodu jew filgħaxija: filgħaxija
  • l-Indja jew il-Kanada: il-Kanada
  • tal-linja jew karozza privata: karozza privata

Minbarra l-Għaqda, jien Assistent Kaxxier fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Banda San Pio X ta’ Ħal Lija.

Kieku kelli nagħżel suġġett ieħor, kont nistudja l-Franċiż.

Jafuni l-aktar bħala l-bniedem li dejjem jitbissem.

Il-qawl li jibda “Wara l-maltemp” inkomplih “lesti ruħek għal ieħor.”

Fi żmien sentejn nixtieq li nkun qed ngħallem il-lingwa Maltija fi grad ogħla.

Leħen il-Malti || Tnedija

Leħen il-Malti minn dejjem offra sfida, kemm biex inħoloq, kemm biex evolva, kif ukoll biex baqa’ jeżisti. Il-qawwa li jħaddan dan il-ktejjeb kompliet toffri sfidi ġodda, mhux biss għax kien hemm konkorrenza qawwija li ħolqitilna impenn iktar sfiq biex naslu għall-għażla finali, imma wkoll biex ikun hemm kontinwità. Kien eżerċizzju iebes li ried impenn qawwi u sħiħ biex seta’ jingħeleb għax mhux faċli tagħżel, u mhux faċli tiddetermina l-livell, u lanqas huwa faċli biex tasal għall-konklużjonijiet. Żammejna kemm stajna mal-format tal-edizzjonijiet preċedenti u f’din ir-rivista se jkun hemm kemm varjet. ta’ xogħol letterarju, kemm xogħol akkademiku, kif ukoll xi taħditiet li saru f’serati kommemorattivi. Imma dan kollu mhux biżżejjed, għax l-importanti huwa li x-xogħlijiet li fih jolqtu xi aspettattivi tagħkom il-qarrejja.

Dan hu l-ftuħ tal-editorjal ta’ Leħen il-Malti (għadd 32) bl-isem ‘Is-Seħer Ħalliem tal-Kittieb’ minn Emanuel Psaila; il-President tal-Għaqda tal-Malti u l-editur ta’ Leħen il-Malti.

Il-kumplament tistgħu taqrawh minn nhar il-Ħadd, 17 ta’ Novembru 2013. Dakinhar se ssir it-tnedija tal-Leħen waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bejn is-6pm u t-8pm fis-Sala Sir Temi Zammit (Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta). Fil-fatt, il-membri u l-kontributuri huma mħeġġa jiġu sabiex jakkwistaw il-kopji tagħhom b’xejn. 

Screen Shot 2013-10-29 at 14.22.20

Dawk li mhux membri jew kontributuri jew jixtiequ jakkwistaw aktar kopji jistgħu jagħmlu dan xorta waħda.

Screen Shot 2013-11-01 at 12.07.43

Is-serata nnifisha se tkun imżewqa b’collage ta’ qari mil-Leħen minn Stefan Caruana u Valentina Farrugia kif ukoll b’mużika u anke bibita ċkejkna. Il-fotografa uffiċjali se tkun Marija Grech. Dakinhar se titħabbar ukoll is-sejħa għal Leħen il-Malti (għadd 33) u l-membri tal-bord il-ġdid.

Preżenti għal din is-serata se jkun hemm ħafna mill-kontributuri tax-xogħlijiet letterarji u akkademiċi. Ta’ min tiġu sabiex tiltaqgħu magħhom ukoll! Il-kontributuri għal din il-ħarġa huma Ġorġ Borg, Sergio Grech, Louis Briffa, Sara Vella, Stefano Farrugia, Joseph A. Cachia, Geodfrey George Attard, Mark Vella, Antoine Cassar, Amanda Busuttil, Joe Friggieri, Dwayne Ellul, Rita Kuhlmann, Rita Saliba, Patrick Sammut, Mary Chetcuti, Maurice Mifsud Bonnici, Roxette Caruana, Charles Flores, Kurt Debono, Charles Casha, Aida Secic, Clifford Jo Zahra, Lilian Sciberras, Emmanuel Attard Cassar, Audrey Friggieri, Omar Seguna, Mikiel Fsadni, Olivia Borg, Leanne Ellul, Raquel Smith, Josette Attard, Charlo Camilleri u Charles Coleiro. Għal darb’oħra l-Leħen leħaq l-għan tiegħu għax fl-istess ħarġa wieħed isib xogħlijiet ta’ diversi kittieba, minn professuri sa studenti tal-ewwel sena fl-Università. Ta’ kuljum qed naqsmu magħkom siltiet qosra ta’ dawn il-kittieba fuq il-paġna ta’ Leħen il-Malti fuq Facebook. Tinsewx iżżuru l-paġna!

LEHEN_COVERspine12mm_FINAL-page-001

Fuq kollox, ħajr lill-membri tat-tim editorjali: Emanuel Psaila (Editur), Maurice Mifsud Bonnici (Teżorier), Kit Azzopardi, Dwayne Ellul, Daniel Bezzina; lill-qarrejja tal-provi kkordinati minn Dwayne Ellul: Josianne Azzopardi, Joe Borg, Carlston Grima, George Sammut, Nunzio Schembri u Kurt Slattery; lill-artist tal-qoxra: Darren Tanti u lill-isponsors li mingħajr l-għajnuna tagħhom Leħen il-Malti ma kienx jimmaterjalizza: Brian Buhagiar u Martin Bugelli, mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Midsea Books, MC Installations u Agius Decorations.

Screen Shot 2013-11-03 at 17.55.40

Screen Shot 2013-11-03 at 18.05.07

Fadal biss li narawkom matul il-Festival fuq l-istand li se jkollha l-Għaqda, u dakinhar tat-tnedija.

invit leħen finali-page-001-1

filMalti

Tiftakruha s-sensiela filMalti? Din l-inizjattiva dalwaqt se titkompla… imma sewwasew kif bdiet?

Għall-ħabta ta’ Frar ta’ din is-sena, Kit kien qal lil Leanne b’din l-idea; u l-idea ngħoġbot u f’kemm ili ngħidlek inġbarna l-Università sabiex insegwu l-ewwel filMalti. L-isem għal din is-sensiela ta’ films, li oriġinarjament kienet ‘filMalti llejla’ ħareġ bih Dr Michael Spagnol. Isem sabiħ hux tassew?

L-ewwel film li wrejna kien ‘Kont Diġà‘; film b’direzzjoni ta’ Mark Dingli u b’kitba ta’ Mark Dingli u Sascha Sammut. Dan il-film kien intlaqa’ tajjeb ħafna tant li attendew ‘il fuq minn 40 persuna.

Iżda din il-biċċa tal-films ma waqfitx hemm. Huwa sabiħ li naraw films bil-Malti, b’sottotitli bil-Malti jew siekta imma huwa sabiħ ukoll li niddiskuthom. Kien għalhekk illi ltqajna wara l-ewwel film sabiex niddiskutu aspetti differenti tiegħu; minn xenografija għall-għażla tal-atturi u fuq kollox, il-fatt li dan il-film hu mnebbaħ mill-poeżija “Delimara” ta’ Daniel Massa.

filmalti1
Xahar wara, kellna t-tieni filMalti; din id-darba, rajna żewġ films qosra ta’ Karl Schembri bl-isem ta’ ‘Perli’ u ‘Trianglu’.  U xi jiem wara dawn il-films iltqajna sabiex bejn kafè  u ieħor niddiskutuhom ukoll!

filmalti2

Imbagħad, fid-29 ta’ Lulju, intwera l-film ‘Fight Club‘ bħala parti mill-Iljieli fuq il-Kampus 2013. Dakinhar l-Għaqda ħadet ħsieb torganizza diskussjoni dwar dan il-film li għalih Simon Cassar għamel is-sottotitli bil-Malti. Id-diskussjoni li qajmet interess kbir tmexxiet mill-Professur Charles Briffa.

Issa li l-Għaqda  qabdet ritmu bħal qatt qabel; is-sensiela filMalti se tkompli bi tliet filmini ta’ Alex Vella Gera waqt Freshers’ Week 2013. Din id-darba d-diskussjoni dwar il-filmini, li se titmexxa minn Noel Tanti, se ssir appena jispiċċaw biex hekk ikunu għadhom friski f’moħħ kulħadd.

Dwar dawn il-films li se naraw Noel Tanti kiteb hekk:

Waħda mit-temi l-iktar b’saħħithom fix-xogħlijiet t’Alex Vella Gera hija dik tal-vjaġġatur. Il-bniedem li qatt m’għandu kwiet, dejjem ifittex, dejjem jiskopri, qatt mhu sodisfatt, qatt ma jasal. Din l-inkwetudni f’ruħ il-karattri tispikka wkoll fil-filmati ta’ Vella Gera. F'”Minsi” hemm karattru li qed jipprova jinnegozja spazju spettrali, ifittex mingħajr ma jaf xiex, forsi lanqas biss jaf li qiegħed fuq vjaġġ. “BXL 2008” jixtarr emigrant li telaq minn pajjiżu però ħalla biċċa sew minn ruħu warajh. U “Il-Qalziet tan-Nannu” hija ġrajja li x’aktarx hija gidba; gidba li ma teskludix il-mixja lejn u l-eżistenza tal-verità.

filmalti3

U għall-futur? Diġà għandna xi films ippjanati… kollha taħt l-istess kappa ta’ filMalti, kollha rriklamati b’dan il-powster uffiċjali.

Narawkom dalwaqt għall-filMalti li jmiss… u tinsewx tmexxu l-kelma!

Is-sensiela filMalti qed jikkordinaha Carlston Grima.

Is-Sottokumitat ‘It-Teżi Tiegħi’

Is-sottokumitat It-Teżi Tiegħi twaqqaf bil-għan li jippubblika materjal minn teżijiet ta’ livell għoli għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel nett sabiex riċerkaturi tal-Malti jkollhom aċċess għal studji tajbin onlajn; it-tieni sabiex studenti li jkunu laħqu l-livell mixtieq jingħataw l-okkażjoni li jippubblikaw taħt il-kappa tal-Għaqda.
It-teżijiet se jingħażlu mill-bord innifsu, li jinkludi kemm akkademiċi minn oqsma differenti, kif ukoll gradwati fil-Malti. Għalkemm għadu kmieni wisq sabiex inħabbru l-format li fuqu se nkunu qed inħaddmu din l-iskema, hemm il-ħsieb li minbarra pubblikazzjoni onlajn, ikun hemm ukoll pubblikazzjoni stampata darba fis-sena u seminar li jservi ta’ tnedija.
Permezz ta’ dan is-sottokumitat, l-Għaqda tkompli tfittex li tilħaq l-għanijiet tagħha, jiġifieri billi tagħti l-appoġġ tagħha lil studjużi tal-Malti, kemm tal-lingwa kif ukoll tal-letteratura, u li tkompli żżid mal-ħażna ta’ materjal bil-Malti li jinsab onlajn.
Il-membri ta’ dan is-sottokumitat huma Emanuel Psaila, Prof. Rena Balzan, Dr Adrian Grima, Dr Michael Spagnol, Alvin Vassallo, Carlston Grima, Andre P. Debattista u Leanne Ellul. Dan is-sottokumitat qed jitmexxa minn Kit Azzopardi.
teżi
Nhar is-16 t’Ottubru 2012, fil-ġimgħa ddedikata lill-Arti, saret it-taħdita bl-isem ‘It-Teżi Tiegħi’ li kienet ikkordinata bejn id-Dipartiment tal-Malti, l-Għaqda tal-Malti – Università u l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Arti (ASA), bil-għajnuna ta’ Doriana Vella.