Krystle

KRYSTLE ABELA

Interessi li għandi: naqra, nikteb, crafts, jogging

L-aħħar ktieb li qrajt: Esperjenza unika, love

Film li ħalla marka fuqi: Enough

Kwotazzjoni li nżomm f’moħħi: Think positive and you achieve what you believe in.

Ritratt ta’ Giola Cassar.

 

Krystle Abela

Source: Krystle

 

JEL2014 || EDL2014

Nhar is-Sibt, 27 ta’ Settembru, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta se tkun qed tiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi f’Bay Street, San Ġiljan. Għat-tieni sena konsekuttiva, l-Għaqda tal-Malti – Università qed tieħu ħsieb l-organizzazzjoni ta’ dan il-jum.

L-attivitajiet jibdew mill-10:00 u jibqgħu għaddejjin sas-18:00. Matul il-jum se ssibu stands minn ċentri differenti tal-lingwi, li se jqassmu tagħrif dwar l-ilsna differenti fid-dinja. Il-posti se jkunu mqassma fuq livelli differenti filwaqt li l-attivitajiet se jsiru fis-sular ta’ fuq. Matul il-jum se jkun hemm ukoll diversi attivitajiet, bħal workshops u mużika, li aktar tagħrif dwarhom jista’ jinkiseb minn fuq Facebook. Il-jum jagħlaq b’attività speċjali li tibda fil-17:00 fir-rotunda ta’ Bay Street.

Ħajr lill-Fondazzjoni Valletta 2018, Bay Street, u l-Aġenzija Żgħażagħ.

 

Document5-page-001

On Saturday, 27th September, the European Commission Representation in Malta will be celebrating the European Day of Languages at Bay Street, St Julian’s. For the second consecutive year, the Għaqda tal-Malti – Università will be responsible for its organization.

Activities start at 10:00 and end at 18:00. Stands pertaining to different language schools, embassies, cultural centers and other entities will be providing passersby with information about their respective languages on different levels of Bay Street while other events will be held on the top floor. Several activities will be held during the day such as workshops and music. For more information about the activities one can visit our Facebook event, which is being updated regularly. The final special event starts at 17:00 and will be held at Bay Street’s rotunda.

Special thanks goes to the Valletta 2018 Foundation, Bay Street, and Aġenzija Żgħażagħ.

Il-Laqgħa Ġenerali Annwali 2014

L-Għaqda tal-Malti – Università tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-membri tagħha li fis-7 ta’ Lulju se ttella’ l-Laqgħa Ġenerali Annwali. Fiha se jiġu ppreżentati r-rapporti dwar il-ħidma tal-Għaqda f’din l-aħħar sena fosthom attivitajiet kbar bħall-Jum Ewropew tal-Lingwi u l-parteċiazzjoni fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Il-laqgħa se ssir f’254, Dar l-Ewropa, Triq San Pawl, il-Belt Valletta u tibda fis-6pm.

 

Minbarra li l-membri jkunu jistgħu jiffamiljarizzaw ruħhom aktar mal-ħidma tal-Għaqda, ikollhom iċ-ċans iġeddu s-sħubija tagħhom, li għaliha ta’ kull sena jingħataw kopja tar-rivista tal-Għaqda, Leħen il-Malti.

 

L-attività fuq Facebook tinsab hawnhekk filwaqt li min ikollu xi mistoqsijiet jista’ jibgħathom fuq ghaqdatalmalti@gmail.com.

 

Image

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus

L-Għaqda tal-Malti – Università qed torganizza l-ewwel edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb ġewwa l-Università, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Il-Festival se jittella’ bejn it-28 u t-30 ta’ April, mid-9:00 sal-16:00 b’xi attivitajiet li jittellgħu wara s-6 ta’ filgħaxija.

Għal dan il-Festival se jkun hemm diversi stands ta’ għadd ta’ pubblikaturi u distributuri ewlenin fosthom Sierra Book Distributors, Horizons, Faraxa Books, Sensiela Kotba Soċjalisti, Bronk Productions, u Agius and Agius. Se jkun hemm ukoll kotba ta’ pubblikaturi oħra, filwaqt li fi stand minnhom se jkun hemm il-preżenza tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Barra minn hekk, se jkun hemm attivitajiet f’ħinijiet u f’partijiet differenti tal-Quad. bil-parteċipazzjoni ta’ diversi kittieba stabbiliti, kritiċi distinti u studenti:

–      Is-Sesswalità fil-letteratura Maltija: taħdita dwar is-sesswalità fil-letteratura Maltija, bil-parteċipazzjoni ta’ Trevor Żahra, Immanuel Mifsud, Sean Buhagiar, u Aleks Farrugia, fost l-oħrajn.

–      Fight Club: film b’sottotitli bil-Malti, tradotti minn Simon Cassar bil-għajnuna tal-Prof. Toni Aquilina.

–      Transessjoni: qari u diskussjoni mill-parteċipanti ta’ Taħżiż2, programm ta’ kitba kreattiva.

–      …ħsieb il-ktieb: taħdita dwar kif tieħu ħsieb u torganizza l-librerija personali tiegħek.

–      Aqrali, Qaltli: sessjoni oħra ta’ qari minn Immanuel Mifsud. Din id-darba se jkun qed jaqra l-ktieb Fl-Isem tal-Missier(u tal-Iben).

–      Addattament għall-mużika minn Danjeli ta’ diversi siltiet minn Leħen il-Malti (għadd 32).

Dan kollu fost sorpriżi u inizjattivi oħrajn.

Aktar dettalji se joħorġu fil-ġimgħat li ġejjin. L-attività fuq tinsab ukoll fuq Facebook. Kulħadd imħeġġeġ jattendi.

 

new bookfestival poster-2

Metamorfosi || il-parteċipanti magħżula

Fis-27 ta’ Jannar ħabbarna l-proġett Metamorfosi b’talba għal kittieba żgħażagħ. Is-sejħa damet miftuħa sat-28 ta’ Frar. Kif għalqet is-sejħa, ġew maħtura żewġ evalwaturi min-naħa tal-Għaqda u tnejn oħra indipendenti li lkoll ħadmu individwalment sabiex ħarġu bil-ġudizzju tagħhom. 

L-evalwaturi min-naħa tal-Għaqda kienu Kit Azzopardi u Leanne Ellul, li flimkien ma’ Dorianne Bonello se jkunu qed jikkordinaw il-proġett. Emanuel Psaila, il-President tal-Għaqda kien ukoll qed jissorvelja dan il-proċess. L-evalwaturi esterni kienu l-kittieba John Bonello u Rita Saliba. Ilbieraħ iltaqgħu l-evalwaturi sabiex jgħarblu l-kitbiet u llum bi pjaċir nistgħu nħabbrulkom li l-parteċipanti magħżula huma:

  • Theresa Abdilla
  • Seralie Bonett
  • Sylvana Bugeja
  • Naomi Mercieca
  • Elena Stilon
  • Maria Vella

Dan il-proġett se jfittex li jfakkar lil Rużar Briffa, li flimkien ma’ Ġużè Bonnici waqqaf l-Għaqda tal-Malti – Univeristà. Il-parteċipanti se jattendu għal sensiela ta’ sessjonijiet sabiex jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ Briffa u l-kitbiet tiegħu. Minn hemm ikunu jistgħu jgħaddu għall-fażi ta’ wara, dik tal-kollaborazzjoni mal-artisti, sabiex jipproduċu materjal artistiku ġdid fi proċess interdixxiplinarju.

L-Għaqda tixtieq tirringrazzja lil kull min qed jagħti sapport lil dan il-proġett, fosthom lil Merlin Publishers li ħadu ħsieb il-logo ta’ dan il-proġett. Iva, dan ilu xi ftit ġimgħat għandna imma ridna nħabbruh illum b’sorpriża!

metamorfosi vers 3

L-Għaqda tixtieq tirringrazzja wkoll lill-Premju tal-President għall-Kreattività, lit-Teatru Salesjan (skema SARP), lil BOSCOcrew, u lill-Università ta’ Malta.

Tisimgħu aktar dwar dan il-proġett fil-ġimgħat li ġejjin.

Sejħa għal awturi żgħażagħ

Screen Shot 2014-01-26 at 00.14.15

L-Għaqda tal-Malti – Università qed tfittex kittieba żgħażagħ għal proġett li jfakkar lil wieħed mill-fundaturi, Rużar Briffa. Matul il-proġett Metamorfosi, il-parteċipanti magħżula se jaħdmu ma’ artisti stabbiliti f’sessjonijiet li fihom jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ Briffa.

logo black-2

Il-proġett hu miftuħ għal żgħażagħ bejn 18 u 25 sena, li jridu jissottomettu l-applikazzjoni sal-14 ta’ Frar. Flimkien mal-applikazzjoni jridu jinkludu ittra ta’ motivazzjoni, CV, kitba kreattiva, u kopja tal-karta tal-identità. Għal aktar tagħrif ikkuntattjaw lill-Għaqda fuq ghaqdatalmalti@gmail.com.

L-attività fuq Facebook tinsab hawn: Metamorfosi || Sejħa.

metamorfosi - linji gwida.pdf-page-001

metamorfosi - applikazzjoni.pdf-page-001

f’għeluq sninha

Illum l-Għaqda tagħlaq 83 sena u minflok tixjieħ din l-Għaqda qed tikompli tikber. Bħala ringrazzjament lill-membri, mil-lum tnediet skema ta’ skontijiet li min jaf kemm ilkom bil-kurżità għaliha għax f’din ġimgħa, ngħiduha kif inhi, tertaqnielkom xi ftit qalbkom.

Screen Shot 2014-01-26 at 10.41.16

Biex wieħed jibbenefika minn dawn l-iskontijiet sa 20% irid:

  1. ikun tesserat aġġornat mal-ħlas,
  2. juri tessera valida (magħha tista’ tintalab ukoll il-karta tal-identità), u
  3. jonfoq tal-inqas €5

skont1

L-iskontijiet ivarjaw minn ħanut għall-ieħor iżda hemm firxa ta’ skontijiet fuq kotba, karterija, aċċessorji tal-kotba u anke stampar u taħriġ.

skont5

skont4

skont3

Għal dan kollu, grazzi mill-qalb lill-isponsors tagħna:

Lill-membri kollha tagħna, grazzi mill-qalb. Bis-saħħa tagħkom l-Għaqda qed tkompli tikber u tissaħħaħ fl-istess waqt!

Lil dawk li għadhom mhux membri… naħseb li Leħen il-Malti, dawn l-iskontijiet, l-attivitajiet u t-taħriġ li toffri l-Għaqda qed ikellmukom waħedhom. Min jixtieq jissieħeb jista’ jibgħat ittre fuq ghaqdatalmalti@gmail.com.

hb

Leħen il-Malti || Tnedija

Leħen il-Malti minn dejjem offra sfida, kemm biex inħoloq, kemm biex evolva, kif ukoll biex baqa’ jeżisti. Il-qawwa li jħaddan dan il-ktejjeb kompliet toffri sfidi ġodda, mhux biss għax kien hemm konkorrenza qawwija li ħolqitilna impenn iktar sfiq biex naslu għall-għażla finali, imma wkoll biex ikun hemm kontinwità. Kien eżerċizzju iebes li ried impenn qawwi u sħiħ biex seta’ jingħeleb għax mhux faċli tagħżel, u mhux faċli tiddetermina l-livell, u lanqas huwa faċli biex tasal għall-konklużjonijiet. Żammejna kemm stajna mal-format tal-edizzjonijiet preċedenti u f’din ir-rivista se jkun hemm kemm varjet. ta’ xogħol letterarju, kemm xogħol akkademiku, kif ukoll xi taħditiet li saru f’serati kommemorattivi. Imma dan kollu mhux biżżejjed, għax l-importanti huwa li x-xogħlijiet li fih jolqtu xi aspettattivi tagħkom il-qarrejja.

Dan hu l-ftuħ tal-editorjal ta’ Leħen il-Malti (għadd 32) bl-isem ‘Is-Seħer Ħalliem tal-Kittieb’ minn Emanuel Psaila; il-President tal-Għaqda tal-Malti u l-editur ta’ Leħen il-Malti.

Il-kumplament tistgħu taqrawh minn nhar il-Ħadd, 17 ta’ Novembru 2013. Dakinhar se ssir it-tnedija tal-Leħen waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bejn is-6pm u t-8pm fis-Sala Sir Temi Zammit (Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta). Fil-fatt, il-membri u l-kontributuri huma mħeġġa jiġu sabiex jakkwistaw il-kopji tagħhom b’xejn. 

Screen Shot 2013-10-29 at 14.22.20

Dawk li mhux membri jew kontributuri jew jixtiequ jakkwistaw aktar kopji jistgħu jagħmlu dan xorta waħda.

Screen Shot 2013-11-01 at 12.07.43

Is-serata nnifisha se tkun imżewqa b’collage ta’ qari mil-Leħen minn Stefan Caruana u Valentina Farrugia kif ukoll b’mużika u anke bibita ċkejkna. Il-fotografa uffiċjali se tkun Marija Grech. Dakinhar se titħabbar ukoll is-sejħa għal Leħen il-Malti (għadd 33) u l-membri tal-bord il-ġdid.

Preżenti għal din is-serata se jkun hemm ħafna mill-kontributuri tax-xogħlijiet letterarji u akkademiċi. Ta’ min tiġu sabiex tiltaqgħu magħhom ukoll! Il-kontributuri għal din il-ħarġa huma Ġorġ Borg, Sergio Grech, Louis Briffa, Sara Vella, Stefano Farrugia, Joseph A. Cachia, Geodfrey George Attard, Mark Vella, Antoine Cassar, Amanda Busuttil, Joe Friggieri, Dwayne Ellul, Rita Kuhlmann, Rita Saliba, Patrick Sammut, Mary Chetcuti, Maurice Mifsud Bonnici, Roxette Caruana, Charles Flores, Kurt Debono, Charles Casha, Aida Secic, Clifford Jo Zahra, Lilian Sciberras, Emmanuel Attard Cassar, Audrey Friggieri, Omar Seguna, Mikiel Fsadni, Olivia Borg, Leanne Ellul, Raquel Smith, Josette Attard, Charlo Camilleri u Charles Coleiro. Għal darb’oħra l-Leħen leħaq l-għan tiegħu għax fl-istess ħarġa wieħed isib xogħlijiet ta’ diversi kittieba, minn professuri sa studenti tal-ewwel sena fl-Università. Ta’ kuljum qed naqsmu magħkom siltiet qosra ta’ dawn il-kittieba fuq il-paġna ta’ Leħen il-Malti fuq Facebook. Tinsewx iżżuru l-paġna!

LEHEN_COVERspine12mm_FINAL-page-001

Fuq kollox, ħajr lill-membri tat-tim editorjali: Emanuel Psaila (Editur), Maurice Mifsud Bonnici (Teżorier), Kit Azzopardi, Dwayne Ellul, Daniel Bezzina; lill-qarrejja tal-provi kkordinati minn Dwayne Ellul: Josianne Azzopardi, Joe Borg, Carlston Grima, George Sammut, Nunzio Schembri u Kurt Slattery; lill-artist tal-qoxra: Darren Tanti u lill-isponsors li mingħajr l-għajnuna tagħhom Leħen il-Malti ma kienx jimmaterjalizza: Brian Buhagiar u Martin Bugelli, mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Midsea Books, MC Installations u Agius Decorations.

Screen Shot 2013-11-03 at 17.55.40

Screen Shot 2013-11-03 at 18.05.07

Fadal biss li narawkom matul il-Festival fuq l-istand li se jkollha l-Għaqda, u dakinhar tat-tnedija.

invit leħen finali-page-001-1

filMalti

Tiftakruha s-sensiela filMalti? Din l-inizjattiva dalwaqt se titkompla… imma sewwasew kif bdiet?

Għall-ħabta ta’ Frar ta’ din is-sena, Kit kien qal lil Leanne b’din l-idea; u l-idea ngħoġbot u f’kemm ili ngħidlek inġbarna l-Università sabiex insegwu l-ewwel filMalti. L-isem għal din is-sensiela ta’ films, li oriġinarjament kienet ‘filMalti llejla’ ħareġ bih Dr Michael Spagnol. Isem sabiħ hux tassew?

L-ewwel film li wrejna kien ‘Kont Diġà‘; film b’direzzjoni ta’ Mark Dingli u b’kitba ta’ Mark Dingli u Sascha Sammut. Dan il-film kien intlaqa’ tajjeb ħafna tant li attendew ‘il fuq minn 40 persuna.

Iżda din il-biċċa tal-films ma waqfitx hemm. Huwa sabiħ li naraw films bil-Malti, b’sottotitli bil-Malti jew siekta imma huwa sabiħ ukoll li niddiskuthom. Kien għalhekk illi ltqajna wara l-ewwel film sabiex niddiskutu aspetti differenti tiegħu; minn xenografija għall-għażla tal-atturi u fuq kollox, il-fatt li dan il-film hu mnebbaħ mill-poeżija “Delimara” ta’ Daniel Massa.

filmalti1
Xahar wara, kellna t-tieni filMalti; din id-darba, rajna żewġ films qosra ta’ Karl Schembri bl-isem ta’ ‘Perli’ u ‘Trianglu’.  U xi jiem wara dawn il-films iltqajna sabiex bejn kafè  u ieħor niddiskutuhom ukoll!

filmalti2

Imbagħad, fid-29 ta’ Lulju, intwera l-film ‘Fight Club‘ bħala parti mill-Iljieli fuq il-Kampus 2013. Dakinhar l-Għaqda ħadet ħsieb torganizza diskussjoni dwar dan il-film li għalih Simon Cassar għamel is-sottotitli bil-Malti. Id-diskussjoni li qajmet interess kbir tmexxiet mill-Professur Charles Briffa.

Issa li l-Għaqda  qabdet ritmu bħal qatt qabel; is-sensiela filMalti se tkompli bi tliet filmini ta’ Alex Vella Gera waqt Freshers’ Week 2013. Din id-darba d-diskussjoni dwar il-filmini, li se titmexxa minn Noel Tanti, se ssir appena jispiċċaw biex hekk ikunu għadhom friski f’moħħ kulħadd.

Dwar dawn il-films li se naraw Noel Tanti kiteb hekk:

Waħda mit-temi l-iktar b’saħħithom fix-xogħlijiet t’Alex Vella Gera hija dik tal-vjaġġatur. Il-bniedem li qatt m’għandu kwiet, dejjem ifittex, dejjem jiskopri, qatt mhu sodisfatt, qatt ma jasal. Din l-inkwetudni f’ruħ il-karattri tispikka wkoll fil-filmati ta’ Vella Gera. F'”Minsi” hemm karattru li qed jipprova jinnegozja spazju spettrali, ifittex mingħajr ma jaf xiex, forsi lanqas biss jaf li qiegħed fuq vjaġġ. “BXL 2008” jixtarr emigrant li telaq minn pajjiżu però ħalla biċċa sew minn ruħu warajh. U “Il-Qalziet tan-Nannu” hija ġrajja li x’aktarx hija gidba; gidba li ma teskludix il-mixja lejn u l-eżistenza tal-verità.

filmalti3

U għall-futur? Diġà għandna xi films ippjanati… kollha taħt l-istess kappa ta’ filMalti, kollha rriklamati b’dan il-powster uffiċjali.

Narawkom dalwaqt għall-filMalti li jmiss… u tinsewx tmexxu l-kelma!

Is-sensiela filMalti qed jikkordinaha Carlston Grima.

Il-bord editorjali ta’ ‘Leħen il-Malti’

Is-sottokumitat għal Leħen il-Malti jaqdi l-funzjoni ta’ bord editorjali billi jfassal il-kritierji, jagħmel sejħa uffiċjali, u jagħżel u jorqom, flimkien mal-kittieba, il-kitbiet li jkunu se jiġu inklużi. Il-Leħen huwa l-organu ewlieni tal-Għaqda tal-Malti – Università, u ġie ppubblikat l-ewwel darba fl-1931, is-sena tat-twaqqif tal-Għaqda. Matul is-snin fiha dehru xogħlijiet ta’ wħud mill-aqwa kittieba Maltin, ngħidu aħna Dun Karm u l-Professuri Saydon u O. Friggieri, kif ukoll studenti li xogħolhom kien qed jidher għall-ewwel darba. Għall-ħarġa li jmiss (għadd 32), l-Għaqda fittxet li żżomm l-istess spirtu billi tagħti ċans lil kittieba emerġenti jippubblikaw flimkien ma’ awturi stabbiliti. B’kollox hemm qrib l-40 titlu, bejn proża, poeżija, u materjal akkademiku jew ta’ natura folkloristika, magħżula minn madwar 160 titlu mibgħuta lill-bord editorjali f’sejħa li saret is-sena l-oħra.

L-Editur Ġenerali għal din il-ħarġa hu Emanual Psaila, il-President tal-Għaqda, filwaqt li l-bqija tal-Bord hu magħmul minn Kit Azzopardi, Daniel Bezzina, Dwayne Ellul u Maurice Mifsud Bonnici. Id-data tat-tnedija se tkun imħabbra daqt. Għal aktar tagħrif dwar Leħen il-Malti, ara “Kapitlu 8” tal-istatut attwali tal-Għaqda.

Għall-indiċi tar-rivista miġbura minn Joe Borg, idħol hawn.
LEHEN_COVER-page-001
Il-qoxra ta’ Leħen il-Malti l-ġdid